Local Sport > Volleyball > MVRA A SUCCESS

MVRA A SUCCESS

L-Assoċjazzjoni Maltija tar-Referees tal-Volleyball (M.V.R.A.) ġiet imwaqqfa fil-bidu tal-istaġun 2015-2016 miż-żewġ referees internazzjonali tal-volleyball Frankie Tanti u Nello Calleja sabiex tieħu post il-Kummissjoni tar-Referees fi ħdan il-Malta Volleyball Association.

L-għan ewlieni tal-M.V.R.A. huwa li tħajjar aktar persuni sabiex isiru referees tal-volleyball, biex tħarreg lil dawn il-persuni kif ukoll lir-referess stabbiliti sabiex il-livell tekniku tar-referees Malti dejjem ikun aħjar, kif ukoll biex tgħallem u tħarreg lill-uffiċċjali tekniċi oħra, bħal score keepers u line judges.

Fl-aħħar sentejn, bl-għajnuna ta’ Cinzia Fenech u Dalton Caruana, żewg referees oħra lokali, l-M.V.R.A. kompliet tissaħħaħ sew u llum għandha grupp ta’ referees stabbiliti kif ukoll oħrajn ġodda li jaqdu l-ħtiġijiet tal-kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta Volleyball Association kif ukoll kompetizzjonijiet oħra.

Fil-bidu ta’ dan l-istaġun 2017-2018, ħames referees ġodda bdew jirrefjaw logħbiet kompetittivi. Dawn huma Andrew Tkachenko, Hellie Honney, Melanie Muscat, Nicole Vassallo u Andrea Fassone, b’dan ta’ l-aħħar jerga’ jibda’ jirreffja wara numru ta’ snin b’esperjenza f’kompetizzjonijiet fl-Italja.

Minbarra dan, ħames referees oħra ġew promossi ġhal-livell intermedju wara kors li sar f’Ottubru li għadda, b’dawn ta’ l-aħħar ikunu Dalton Caruana, Goffredo Guazzoni, Alex Spiteri, Darina Ilieva u Andrea Fassone.

Matul dawn l-aħħar xhur saret aktar enfażi fuq it-taħriġ tar-referees li għadhom kemm ġew promossi għal-livell Avvanzat – Darren Bugeja, Cinzia Fenech, Luca Randazzo u Alex Spiteri.

L-ewwel attivita’ għalihom kien workshop immexxi minn Frankie Tanti fejn fih ġew analizzati kemm il-protokolli kif ukoll ir-regoli tal-logħba tal-volleyball kemm fl-isfera lokali kif ukoll dik internazzjonali.

Il-proċess ikompli billi b’mod regolari dawn ir-referees, flimkien ma’ Mark Soler, referee ieħor fil-livell avvanzat, jiġu assessjati waqt il-logħob tagħhom bil-ħsieb li dejjem jitjieb il-livell tagħhom.

Kull min hu interessat li jibda’ l-karriera ta’ referee tal-volleyball jista’ jikkuntattja lill-MVRA fuq [email protected]
 
Share |

Navigate through the articles
Previous article SITTING VOLLEY WORLD CHAMPIONSHIPS' APPOINTMENT FOR CALLEJA BELGIAN APPOINTMENT FOR TANTI Next article
Saturday, September 22, 2018
Search our Site Advertising on MaltaSport