Local Sport > Horse Racing > KAMPJONAT INTERNAZZJONALI GĦAL SEWWIEQA NISA

KAMPJONAT INTERNAZZJONALI GĦAL SEWWIEQA NISA

Nhar il-Ħadd li ġej fil-Korsa tal-Marsa ser isir il-Kampjonat Internazzjonali għal sewwieqa nisa.

Dettalji dwar dan ingħataw waqt Konferenza Stampa li saret kmieni dalgħodu fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Il-kelliema prinċipali waqt din il-Konferenza kienu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius kif ukoll ic-Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg.

Indirizza wkoll din il-Konferenza Stampa is-Sur Mark Cutajar Direttur Ġenerali tal-Isport u Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea huma l-isponsors ewlenin ta’ dan l-avveniment uniku fl-istorja tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

‘Il-qsim tal-ħsibijiet u ideat ma’ pajjiżi oħra huwa mod interessanti kif titgħallem.  Dan deher fiċ-ċar fis-sitt xhur eċitanti fejn ospitajna l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, żmien li  wasal fi tmiemu u bix-xieraq li ngħalqu, bl-akbar avveniment taż-żwiemel għas-sewwieqa nisa f’pajjiżna’, dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt li indirizza lil dawk preżenti.

Is-Segretarju Parlamentari semma l-investiment ta’ 18-il miljun li ser ikun qed isir fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa.  Investiment li ser jaghmel il-korsa taż-żwiemel, mhux post biss fejn ikollna aktar tiġrijiet ta’ livell u parteċipazzjoni minn barra imma ċentru fejn il-familji tagħna jistgħu jqattgħu il-ħin flimkien f’ambjent san.

Mark Cutajar, Direttur Ġenerali tal-Isport qal li dan l-avveniment se jgħalaq l-attivitajiet sportivi marbuta mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hekk kif it-tiġrijiet taż-żwiemel kien l-isport magħżul minn Malta bħala dik id-dixxiplina li tħaddan l-inklużjoni soċjali li kienet it-tema ewlenija ta’ din il-Presidenza.

Waqt din l-okkażjoni s-Sur Cutajar ħabbar li bi pjaċir u sodisfazzjon għal pajjizna d-dokumenti marbuta mal-Presidenza kienu unanimament aċċettati mill-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Huwa aċċenna għall-isports plan ghas-snin li ġejjin sas-sena 2020 kif ukoll għal konklużjoni fil-kunsill “Sport bħala mezz ta’ Inklużjoni Soċjali’ fejn issa fadal biss l-aħħar stadju dak li jiġu approvati quddiem il-Kunsill tal-Ministri fi Brussell fit-23 ta’ Mejju li ġej.

Bil-parteċipazzjoni ta’ 19-il pajjiż differenti dan il-Kampjonat huwa l-akbar wieħed li qatt ġie organizzat għal sewwieqa nisa tat-trott u qed jiġi organizzat sabiex tiġi wkoll iċċelebrata l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-preparamenti bdew lejn l-aħħar tas-sena l-oħra u ġew intensifikati matul dan l-aħħar xahar fejn intbagħtu stediniet lil 21 pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea tat-Trott u kienu biss Spanja u s-Serbja li ddeċidew li ma jibagħtux rappreżentanta.

Id-19-il pajjiż huma l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Fillandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Norveġja, l-Olanda, ir-Russja, l-Islovenja, l-Isvezja, l-Isvizzera, l-Ungerija u ovvjament Malta.

Il-parteċipanti, li huma fost l-aqwa ta’ kull pajjiż, ser jieħdu sehem f’4 tiġrijiet fejn kull waħda ssuq żewġ tiġrijiet. Dawn jieħdu punti skont il-pożizzjoni li jispiċċaw f’kull tiġrija u min jakkwista l-akbar ammont ta’ punti tiġi ddikjarata r-rebbieħa tal-kampjonat.

Dalgħodu stess bdew jaslu l-parteċipanti li għal 15 minnhom din hija l-ewwel darba li ser ikunu qed iżuru Malta u matul iż-żjara tagħhom ser ikunu jistgħu jduqu ftit mill-ospitalità tagħna l-Maltin kif ukoll iżuru postijiet ta’ interess. Huma ser ikunu wkoll akkumpanjati minn ħbieb u familjari.

Ic-chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg ħa l-okkażjoni sabiex jirringrazzja lil Mark Cutajar u SportMalta ta’ dan is-sostenn kemm finanzjarju kif ukoll tal-organizzazzjoni li saret kważi totalment mill-istaff tiegħu stess.

Huwa wkoll irringrazzja lis-sidien li offrew it-38 żiemel sabiex setgħu jingħaqdu t-tiġrijiet għax dan kien fattur mill-aktar importanti sabiex dan il-kampjonat seta’ jseħħ.

L-avveniment tal-Ħadd jibda fis-1:30 p.m. u ser joffri spettaklu għall-familja kollha. Il-pubbliku inġenerali huwa mistieden li jattendi sabiex jagħti s-sostenn tiegħu lill-parteċipanti.


  View this article in PDF format Print article
Share |

Sunday, January 21, 2018
Search our Site Advertising on MaltaSport