Local Sport > Cycling > 23 EDIZZJONI TAT-TOUR TA’ MALTA

23 EDIZZJONI TAT-TOUR TA’ MALTA

It-23 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta se ssir bejn, nhar il-Ħamis 6 u l-Ħadd 9 ta’ April, fejn huwa mistenni numru rekord ta’ parteċipanti barranin.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa li saret fiċ-Ċentru tal-BMX f’Pembroke u li kienet indirizzata mill-president tal-Fe¬derazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit, kif ukoll mis-segretarju ġenerali, Joe Bajada.

Matul is-snin dan it-Tour serva ta’ opportunità tajba biex iċ-ċiklisti lokali jkunu jistgħu jikkompetu ma’ oħ¬rajn barranin f’pajjiżna stess.

B’hekk huma mhux biss jiggwadanjaw minn din l-esperjenza, iżda wkoll ikomplu jtejbu l-livell tagħhom. Seba’ clubs lokali flimkien ma’ 16 oħra barranin se jkollhom iċ-ċiklisti tagħhom jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena.

Il-maġġoranza tal-clubs barranin se jkunu ġejjin mill-Ingilterra u mill-Italja u ma’ dawn se jkunu qed jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti bar¬ranin ġejjin minn diversi pajjiżi oħra.

Din is-sena t-Tour ta’ Malta se jkun qed jikber fl-importanza tiegħu b’mod partikolari għat-timijiet naz¬zjonali Maltin - dawk femminili u maskili - li f’Mejju li ġej qed jittamaw li jintgħażlu mill-Kumitat Olimpiku Malti biex jieħdu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jkunu qed jiġu organizzati bejn Mejju u Ġunju li ġej f’San Marino.

Għall-istess skop, grupp ta’ xejn inqas minn 18-il ċiklista, maskili u femminili għadhom kif irritornaw mill-Grand Fondo f’Pafos f’Ċipru fejn rebħu tliet kategoriji, filwaqt li t-timijiet maskili u femminili spiċċaw rebbieħa overall fil-klassifika rispettiva tat-timijiet.

B’hekk iċ-ċiklisti Maltin jinsabu ppreparati tajjeb kemm għal dan it-Tour Internazzjonali ta’ Malta kif ukoll għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

It-Tour Internazzjonali ta’ Malta se jkun mifrux fuq erbat ijem, mifruxa hekk. L-ewwel tappa se tikkonsisti f’Individual Time Trial fuq iċ-ċirkwit ta’ Triq il-Kosta, fis-Salini fuq distanza ta’ 12-il kilometru.

It-tieni tappa fuq distanza ta’ 83.3 kilometru se tkun fil-By-Pass ta’ San Pawl il-Baħar, mentri t-tielet tappa fuq distanza ta’ 60 kilometru se ssir fuq iċ-ċirkwit tan-Nadur f’Għawdex.
Ir-raba’ u l-aħħar tappa, li mistennija tkun waħda deċisiva, se tkun tiġrija ta’ 88 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin.

Se jkun hemm tliet kategoriji ta’ ċiklisti jieħdu sehem. Dawn huma tal-Elite, tan-Nisa u tal-Masters ta’ ‘l fuq minn 40 sena.

Se jipparteċipaw ċiklisti li kienu rebħu dan it-Tour, fosthom Salvatore Coco, li rebaħ fl-2013 u Will Brown li se jiddefendi s-suċċess tiegħu tas-sena l-oħra. Fil-kategorija femminili anke r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni, Marie Claire Aquilina, se tkun qed tiddefendi t-titlu tagħha.

Il-Kumitat Organizzativ tat-Tour xtaq jirringrazzja lil diversi sponsors fosthom lill-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, lis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-Onorevoli Chris Agius, il-Ministeru għat-Trasport u l-lnfrastruttura, il-Ministeru għal Għawdex, SportMalta, il-Gozo Sports Board, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u l-Imġarr u n-Nadur f’Għawdex, kif ukoll lill-Korp tal-Pulizija, l-Gwardjani Lokali, Transport Malta, ARRTS Timing System, kif ukoll lil-Lukandi Soreda u Palazzin.

Intant, l-organizzaturi tat-Tour ta’ Malta appellaw għall-koperazzjoni sħiħa min-naħa tal-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għeluq tat-toroq biex b’hekk dawn l-avvenimenti jkunu jistgħu jsiru fl-aħjar sigurtà possibli għaċ-ċiklisti.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, huma xtaqu jassiguraw kull suċċess liċ-ċiklisti Maltin li se jieħdu sehem f’dan it-Tour ta’ Malta.
 
Share |

Navigate through the articles
Previous article L-EWWEL GURNATA TAT-TOUR TA' MALTA 2017 MALTA CYCLING TEAMS ACHIEVE GREAT SUCCESS IN CYPRUS Next article
Sunday, July 15, 2018
Search our Site Advertising on MaltaSport