Local Sport > Regatta > INIZJATTIVI BIEX TISSAHHAH IR-REGATTA

INIZJATTIVI BIEX TISSAHHAH IR-REGATTA

SportMalta ħabbret inizjattiva biex it-tradizzjoni tar-Regatta tkompli tikber, tissaħħaħ u tiġbed aktar żgħażagħ u tfal.

Din it-tradizzjoni tmur lura ħafna snin u għandha rabta speċjali mal-ibliet tal-Port u tal-madwar.

SportMalta dejjem tara kif taghti sostenn lil kull sport f’Malta u kien għalhekk li introduċiet skema ta’ għotja ta’ flus lil kull klabb biex ikunu jistgħu jaħdmu dgħajsa ġdida tal-pass li se jkollha użu vast u differenti.

Din l-inizjattiva tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif nhar il-Ħamis waslet edizzjoni oħra tar-Regatta tat-8 ta’ Settembru. SportMalta ħasbet li permezz ta’ dawn id-dgħajjes ġodda se tkun qiegħda ssaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Għaqda Regatta Nazzjonali u tgħin biex it-tradizzjoni li ntirtet minn missirijietna tkompli fis-snin li ġejjin.

Dawn id-dgħajjes li se jkollhom l-isem ta’ SportMalta imnaqqax fuqhom se jkunu qed jintużaw fit-tlielaq tradizzjonali kemm f’dik tal-31 ta’ Marzu kif ukoll dik tat-8 ta’ Settembru iżda wkoll se jibdew jintużaw bħala mezz promozzjonali għal dan l-isport f’attivitajiet nazzjonali.

Hemm ħsieb ukoll li fil-futur qarib SportMalta tibda programm ta’ taħriġ flimkien mal-klabbs biex minn età żgħira jitrawmu tfal f’din it-tradizzjoni tal-qdif u b’hekk tkompli tikber l-imħabba lejn ir-Regatta li tant hija marbuta ma’ qalb ħafna dilettanti.

L-iskop huwa li fil-futur ir-Regatta ma tibqax biss assoċjata mal-ibliet tradizzjonali tal-Port iżda wkoll tattira bliet u irħula oħrajn mifruxa ma’ Malta u Għawdex.

Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta qal li inizjattiva bħal din hija maħsuba biex tradizzjonijiet li huma uniċi għal pajjiżna ma jintilfux u permezz ta’ dan l-investiment SportMalta qed tkun ta’ sostenn konkrett b’azzjonijiet li jirriflettu l-impenn tal-entità lejn kull sport. Minbarra hekk SportMalta qed tagħti aktar awtonomija lill-klabbs bil-għan li aktar ’il quddiem dawn jkunu sostenibbli.

Min-naħa tiegħu l-Professur Joseph Grima, President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali kellu kliem ta’ tifħir fil-konfront tal-Gvern u SportMalta filwaqt li semma li l-għaqda laqgħet fi ħdanha żewġ klabbs oħra; dak tal-Università u tar-raħal tas-Siġġiewi.

Huwa semma kif l-għaqda fl-aħħar sena bagħtet qaddiefa għall-esperjenza ’l bogħod minn xtutna filwaqt li qed taspira li b’dawn l-opri ġodda tista’ tospita qaddiefa barranin f’pajjiżna.

Intant is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius qal li l-Gvern qiegħed iwettaq wegħda oħra mill-manifest elettorali li kienet li jagħti s-sostenn tiegħu lil sport hekk meqjus bħala minuri.

Huwa semma kif fil-futur qarib ser ikun varat il-proġett tal-indoor rowing tank fil-Kottonera li jista’ jagħti lok għall-taħriġ differenti tul ix-xhur kollha tas-sena.
 
Share |

Navigate through the articles
Previous article MARSA TIRBAH IR-REGATTA TA' JUM IL-VITORJA IL-PREPARAMENTI GHAR-REGATTA FL-AQWA TAGHHOM Next article
Wednesday, September 19, 2018
Search our Site Advertising on MaltaSport