Local Sport > Motor Sport > KAROZZA STIL RACING FORMULA TAL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI FIL-BELT VALLETTA

KAROZZA STIL RACING FORMULA TAL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI FIL-BELT VALLETTA

Tim ta’ studenti mill-Universita’ ta’ Malta iltaqgħu ħdejn Victoria Gate biex flimkien jippruvaw il-karozza stil ta’ Racing Formula ħalli jippromwovu l-festival Xejnza fil-Belt (Science in the City) li ser isir propju nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

L-istudenti mill-Fakulta’ tal-Inġinerija u l-Fakulta’ tal-Ekonomija, Management u Accountancy ingħaqdu fix-xhur li għaddew biex jiddisinjaw, jibnu u jimmanifatturaw il-karozza tat-tlielaq tagħhom għall-kompetizzjoni Formula ATA 2014.

Il-kompetizzjoni saret fl-aħħar ta’ Awwissu fiċ-ċirkwit Riccardo Paletti f’Varano de Melegari f’Parma, l-Italja. Aktar minn 80 universita’ minn madwar id-dinja kollha jieħdu sehem fil-Formula ATA kull sena. Din kienet it-tieni darba li l-Universita’ ta’ Malta ħadet sehem fil-Formula ATA, wara l-ewwel darba fl-2007.

“It-tim ħadem tassew biex itejjeb il-mekkanika tal-karozza għall-2014, u dan kien rifless fir-riżultati overall li nkisbu din is-sena fl-Italja. Id-differenza mill-karozza li ntweriet is-sena l-oħra hi li issa għandna l-karozza tagħna stess tal-tlielaq, li tista’ tinstaq u anke tellqet barra minn Malta,” qal Leonard Agius, PRO tal-UoM Racing.

Dan il-proġett interessanti jsir biex studenti universitarji jitħajjru jistudjaw b’mod attiv is-settur tal-inġinerija u dak tal-karozzi, jużaw l-abiltajiet tagħhom fl-inġinerija, u jaħdmu flimkien bħala tim.

Il-karozza tal-UoM stil tat-tlielaq għall-2014 se tintwera waqt il-festival Xjenza fil-Belt f’Bieb il-Belt. Il-membri tat-tim ser juru lil dawk li jħobbu l-karozzi kif taħdem il-karozza u viżitaturi jistgħu anki jieħdu ritratt fil-karozza tal-ġiri.

It-tim UoM Racing Car jirringazzja lil dawk li tawhom pariri u lill-isponsors, li huma Dr Ing. Maurizio Fenech, Dr Ing. Mario Farrugia, RIDT, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Okmalta.com, Trelleborg Sealing Solutions, Transport Malta, Alarm Tech, Tek-Moulds u kumpanniji u entitajiet oħra.

Il-festival Science in the City – European Researchers’ Night għandu l-appoġġ tal-programm Marie Skłodowska-Curie Action of the Horizon 2020 (H2020) tal-UE.

L-attivita’ hi organizzata mill-Universita’ ta’ Malta, l-Kamra Maltija ta’ Xjentisti u RIDT li hu r-Research Trust tal-Universita’ ta’ Malta, bis-sħubija ma’ Karl Borg Events, Studio 7, il-Fondazzjoni Valletta 2018, MEUSAC, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Malti Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-Kunsill Malti tal-Arti, il-PBS, Notte Bianca, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Lufthansa Technik Malta, General Soft Drinks bil-Coca Cola, Ta' Mena wines, l-Istitut Kulturali Taljan, u l-British Council.

Il-programm kollu bid-dettalji dwar il-postijiet jistgħu jitniżżlu minn www.scienceinthecity.org.mt
 
Share |

Navigate through the articles
Previous article ASMK RAISE FUNDS FOR ARKA FUNDATION SECOND EVENT OF THE ASMK SUMMER SCHEDULE Next article
Friday, November 16, 2018
Search our Site Advertising on MaltaSport