Local Football > More > SOLIDARITY FUNDS IMQASSMIN LIN-NURSERIES

SOLIDARITY FUNDS IMQASSMIN LIN-NURSERIES

Għal sena oħra n-nurseries tal-football ingħataw għajnuna finanzjarja, magħrufa aħjar bħala s-Solidarity Funds li hija għajnuna bżonnjuża sabiex in-nurseries ikunu jistgħu jkomplu l-missjoni tagħhom fost il-plejers żgħażagħ.

U kien propju dan il-messaġġ li fetaħ bih Fr Hilary Tagliaferro, President tal-Youth FA. Filwaqt li ġabar lir-rappreżentanti tan-nurseries flimkien beda b'minuta ta' riflessjoni sabiex wieħed jaħseb dwar x'inhuma l-valuri veri tal-football.

"Aħna lkoll għandna nkunu t'eżempju għat-tfal li qed jattendu n-nurseries tagħna" hekk stqarr Fr Hilary dwar l-irwol li għandhom l-amministraturi u l-coaches fost iż-żgħażagħ li wħud minnhom diġa bdew jilbsu l-flokk tat-tim nazzjonali u oħrajn li huma promettenti.

Saħaq ukoll li n-nurseries għandhom ikomplu jisfurzaw sabiex inisslu fiż-żgħażagħ tagħna, li huma l-ġenerazzjoni futura, valuri sodi "hu importanti li fuq kollox niżviluppaw ċittadini tajbin u mhux biss footballers".

Fr Hilary fakkar li l-isports għandu jkun mezz ta' għaqda u li jkattar responsabbilta' soċjali f'kull min jipprattikah jew huwa involut fih. Preżenti għal dan ir-riċivement kien hemm ukoll rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet membri tal-MFA u l-Women League Standing Committee.

Sadanittant tħabbar li l-Youth FA se tagħmel stħarriġ fost in-nurseries sabiex wieħed jistudja s-sitwazzjoni preżenti tal-youth football u kif wieħed jista' jtejjeb dak li diġa hemm partikolarment bis-saħħa tal-komunikazzjoni tal-istakeholders kollha involuti.

Huwa appella li dan l-istħarriġ jimtela flimkien mal-parent club u li kulħadd għandu jkun onest fit-tweġibiet tiegħu. Fuq kollox Fr Hilary irringrazzja lill-amministraturi u ħeġġiġhom sabiex ikomplu jaħdmu minkejja l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ta' kuljum

Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Dr Angelo Chetcuti li ngħaqad mal-messaġġ ta' Fr Hilary. Tenna li sakemm ix-xogħol fost iż-żgħażagħ isir mill-qalb allura wieħed ikun qed ikattar il-ġid.

Dr Chetcuti saħaq dwar l-importanza li n-nurseries jipparteċipaw fl-istħarriġ li qed tagħmel il-Youth FA għaliex huma dawk li qed jesperjenzaw il-polz veru tan-nurseries u għalhekk importanti li l-informazzjoni li ser tinġabar tkun fattwali.


  View this article in PDF format Print article
Share |

Navigate through the articles
Previous article VALLETTA CLOSE IN ON TITLE ZANETTI STAGE MALTA - FEBRUARY 2018 Next article
Monday, February 19, 2018
Search our Site Advertising on MaltaSport